Supplier of LPG Gas and Autogas in Malta
  • Customer Care
  • General Enquiries

Filwaqt li t-tagħmir tal-gass jipprovdi l-utenti b’alternattiva affordabbli għal tagħmir elettriku, dan it-tagħmir irid ikun mantenut sew biex tissalvagwardja s-sigurtà ta’ dak li jkun. Infatti, apparti milli tara li meta qed tixtri tagħmir tal-gass ikollu l-aħjar karatteristiċi ta’ sigurtà u li jkun installat fil-post minn persuna professjonali, hemm affarijiet oħra li wieħed għandu jara li jiċċekkja perjodikament.

Ir-regolatur

Huwa importanti li kultant żmien tiċċekkja r-regolatur tat-tank tal-LPG. Ara li tibdlu jekk f’xi ħin juri xi sinjali ta’ ħsara jew jekk għal xi raġuni m’għadux jintlibes sew fuq iċ-ċilindru. Kull darba li tibdel iċ-ċilindru tal-gass ara li ma jkunx hemm tnixxijiet. Dawn ir-regolaturi għandhom jinbidlu kull 10 snin. Meta tħaddem ir-regolatur, ara li timxi mal-istruzzjonijiet li huma pprovduti mill-manifattur fuq il-karta tal-istruzzjonijiet.

Il-pajp

Element ieħor li għandek toqgħod attent għalih huwa l-flessibilità tal-pajp li jintuża biex titrasferixxi il-gass miċ-ċilindru tal-LPG u r-regolatur għat-tagħmir tal-gass tiegħek. Ara li tagħmel użu biss minn pajpijiet li huma ċċertifikati u li għandhom miktub fuqhom is-sena tal-manifattura u l-isem tal-manifattur. Ara li l-pajp ikun qasir kemm jista’ jkun u li jkun imqabbad permezz ta’ klipep tal-pajpijiet apposta. Malli l-pajp jiskadi (ħames snin mid-data tal-manifattura), ara li tibdlu minnufih. Wieħed għandu jibdel il-pajp ukoll jekk dan juri xi sinjali ta’ qsim jew ħsara. Finalment, huwa importanti li qatt ma tixgħel fjamma diretta biex tikkonferma jekk hemmx tnixxijiet.

X’għandek u x’mgħandekx tagħmel biex tassigura li l-użu taċċilindru tal-LPG u t-tagħmir tal-gass huwa sikur

Issa li taf x’għandek toqgħod attent għalih biex tassigura li r-regolatur u l-pajp qed jaħdmu tajjeb, nistgħu nħarsu lejn diversi punti li għandek tagħmel, jew li għandek tevita li tagħmel biex dejjem tuża l-gass u t-tagħmir tiegħu b’mod sikur.

Meta qed tuża ċ-ċilindru tal-LPG għandek tara li:

  1. Tieħu ħsieb iċ-ċilindru u l-valv biex taċċerta li m’għandhomx ħsarat.
  2. Tuża’ ċ-ċilindru fil-pożizzjoni korretta.
  3. Taqra l-istruzzjonijiet li jiġu mat-tagħmir li juża’ l-LPG u tpoġġi dawn l-istruzzjonijiet x’imkien fejn faċli ssibhom f’każ ta’ bżonn.
  4. Żżomm t-tagħmir nadif u ara li jsirlu servizz minn persuna professjonali xi kultant.
  5. Tpoġġi t-tagħmir fi spazju fejn hemm aċċess tajjeb għall-arja friska. Jekk it-tagħmir jinżamm fuq ġewwa, kemm jista’ jkun ara li tpoġġieh qrib ta’ tieqa (dejjem itlob il-parir ta’ venditur jew installatur awtorizzat għax hemm restrizzjonijiet fuq l-istallazzjoni ta’ ċertu tipi ta’ tagħmir bħal fi kmamar tas-sodda jew kmamar tal-banju).
  6. Tibdel ċilindru vojt ma’ wieħed mimli fuq barra. Jekk tasal li jkollok bżonn tibdel iċ-ċilindru fuq ġewwa ara li t-tagħmir huwa mitfi u li bired sakemm tiġi biex tibdel iċ-ċilindru.
  7. Tiċċekja li r-regolatur huwa mqabbad sew u li m’hemmx tnixxija ta’ gass.
  8. Tirritorna ċ-ċilindri lill-fornitur meta jkunu vojta jew li ma jkunux intużaw għal żmien twil.

Intant, hemm diversi affarijiet li wieħed m’għandux x’jagħmel biex jaċċerta li l-użu taċ-ċilindru tal-LPG huwa wieħed sikur…

  1. M’għandekx tesponi ċ-ċilindru għas-sħana ta’ fjamma diretta.
  2. M’għandekx tipprova taqla’ l-pajp minn maċ-ċilindru jekk il-fjamma ma tintefiex meta r-regolatur huwa mitfi.
  3. M’għandekx tpoġġi jew tuża ċ-ċilindri fi kmamar magħluqa jew taħt l-art. L-LPG huwa itqal mill-arja u jekk ikun hemm tnixxijja il-gass jakkumula f’livell baxx u jista’ jkun perikoluż f’każ ta’ preżenza ta’ fjamma.
  4. M’għandekx tipprova tenforza regolatur ta’ dimensjoni mod fuq valv ta’ ċilindru ta’ dimensjoni differenti. F’każ ta’ diffikultà ikkuntattja venditur jew installatur awtorizzat biex jiġi jispezzjoni ċ-ċilindru u r-regolatur.
  5. M’għandekx timmodifika tagħmir tal-gass. Ara dejjem li titlob il-parir ta’ venditur tal-gass u qatt tħalli persuna mhux kwalifikata tipprova timmodifika jew tagħmillek xi servizz fit-tagħmir tal-gass.
  6. M’għandekx tostakola l-aċċess għaċ-ċilindri.Żomm lilek innifsek aġġornat mal-blogg tagħna għal aktar informazzjoni dwar l-aktar modi sikuri kif tista’ tinstalla u tieħu ħsieb it-tagħmir tal-gass tiegħek.

Share