Supplier of LPG Gas and Autogas in Malta
  • Customer Care
  • General Enquiries

Meta tixtri dar l-ewwel dar tiegħek, se tesperjenza ħafna affarijiet għall-ewwel darba. L-ewwel darba li tidħol fid-dar tiegħek. L-ewwel darba li tixgħel il-forn biex issajjar ikla tajba. L-ewwel darba li tpoġġi fuq is-sufan biex tara film għas-sħana tal-heater. L-ewwel darba li tistieden lil sħabek għal BBQ fuq il-bejt. Vjaġġ li se jikkrea ħafna memorji sbieħ.Madanakollu, qabel ma tasal għal dawn il-mumenti, hemm proċess twil li trid tgħaddi minnu biex fid-dar tiegħek ikollok l-aqwa apparat u għamara, inkluż apparat tal-gass. Meta tkun qed tfittex biex tixtri l-ewwel apparat tal-gass għad-dar tiegħek, jaf tiġi bejn ħaltejn dwar x’għandek toqgħod attent għalih. Dan il-blogg ġie miktub speċifikament biex jgħinek tgħaraf x’għandek tfittex.

L-ewwel forn tal-gass għall-kċina tiegħek

Apparti mill-bżonn li tkun taf il-baġit tiegħek u l-ispazju li għandek fejn tpoġġi l-apparat, hemm fatturi oħrajn li għandek tikkunsidra. Jekk ikollna nħarsu lejn il-forn tal-gass u l-burners, waħda mill-affarijiet li għandek tfittex hija x’karratteristiċi ta’ sigurtà għandu l-apparat li bi ħsiebek tixtri.

Il-forn għandu kapaċità li jagħlaq il-gass waħdu? Jiġifieri jekk jara li għal xi raġuni l-fjamma ntfiet imma l-gass għadu ħiereġ, ikollu l-kapaċità li awtomatikament jitfi l-gass waħdu. Funzjoni oħra li tista’ sservi bħala alternattiva hija li l-forn ikollu l-possibilità li sakemm il-gass għadu ħiereġ, iżomm il-fjamma għaddejja. Jekk għal xi raġuni il-fjamma tintefa’, il-forn jerġa’ jixgħel il-fajmma waħdu.

Funzjoni oħra li għandek tikkunsidra meta qed tixtri forn hija jekk għandux il-kapaċità li tixgħel il-burners b’mod elettriku (electric ignition) jew inkella manwalment (pilot ignition). It-tip elettriku jista’ juża’ kemm batterija jew permezz tad-dawl. Dak li jaħdem bil-batterija jaħdem sakemm il-batterija għad għandha l-enerġija, filwaqt li dak li jaħdem bid-dawl jattiva l-burners sakemm hemm disponibilità ta’ konnessjoni elettrika. Min-naħa l-oħra, hemm fornijiet u burners oħrajn li jistgħu jinxtegħlu permezz ta’ lighter jew sulfarina. Mit-tnejn, il-verżjoni li tixgħel b’mod elettriku huwa l-aktar verżjoni sikura bejn it-tnejn.

L-ewwel BBQ tal-gass

Apparat ieħor tal-gass mfittex minn bosta huwa l-BBQ tal-gass. Speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf, BBQ fuq il-bejt jew it-terrazza hija xi ħaġa li ħafna jkunu qed jistennew. Meta tkun qed tixtri l-ewwel BBQ tal-gass, hemm diversi affarijiet li għandek toqgħod attent għalihom u li jmorru lil hinn mill-prezz, materjal u l-qies.

Il-BBQs tal-gass huma l-aktar tip ta’ BBQs komuni u wieħed jista’ jħaddimhom billi juża ċilindru LPG. B’hekk, dak li jkun ikollu l-flessibilità li jpoġġi l-BBQ fejn jixtieq. Ovvjament, BBQ tal-gass għandu jintuża biss fuq barra.

 

Meta tasal biex tixtri l-ewwel heater tal-gass jew fuklar

Diversi persuni jaħsbuha darbtejn meta jiġu biex jixtru heater tal-gass jew fuklar (fireplace). Madanakollu, m’hemmx għaliex wieħed jinkwieta, speċjalment jekk jieħu l-ħin neċessarju biex jassikura li l-apparat li se jixtri huwa wieħed affidabbli. Għandek tibda billi tassikura li l-heater li se tixtri huwa magħmul għall-post fejn se tkun qed tużah. Per eżempju, jekk tixtieq tuża l-heater biex issaħħan post fuq barra, mela għandek timmira li tixtri outdoor patio gas heaters. Dawn għandhom jintużaw strettament fuq barra.

Xi ħaġa oħra li għandek toqgħod attent għaliha hija x’karatteristiċi ta’ sigurtà joffru dawn il-heaters bħal automatic safety shut-off u tip-over protection. Wieħed jista’ jara li jinstalla lokalizzaturi tat-tnixxijiet tal-gass (leak detectors) u sensors tal-monossidu tal-karbonju fid-dar tiegħu biex ikollu livell estensiv ta’ protezzjoni. Għal aktar miżuri ta’ sigurtà tkellem ma’ persuna awtorizzata biex tinstalla apparat tal-gass.

Meta tixtri apparat għat-tisħin tal-ilma tal-gass

L-apparat għat-tisħin tal-ilma tal-gass (water heater) huwa rrakkomandat minn diversi gwidi għax magħhom iġibu diversi vantaġġi. Dan hekk kif isaħħnu l-ilma b’mod aktar rapidu, aċċess għall-ilma sħun bla limitu u kull ħin, jiswew inqas fuq medda twila ta’ żmien, huma sikuri u jekk jinqata’ d-dawl xorta jkollok aċċess għall-ilma sħun.

Meta tuża water heater tal-gass, se tifranka l-flus fuq il-kont tad-dawl għax dan jgħinek tibqa’ fil-banda tat-tariffa l-aktar baxxa għall-konsum tal-elettriku (ECO Reduction benefit).

L-istess linji gwida msemmija qabel għal apparat ieħor japplikaw fejn jidħol il-water heater tal-gass. Għalhekk, meta tixtri dan l-apparat għandek tara li jkollu l-faċilità li jitfi l-gass waħdu f’każ li jkun hemm tnixxija u li tinstalla lokalizzaturi tat-tnixxijiet tal-gass (leak detectors) u sensors tal-monossidu tal-karbonju fid-dar tiegħek. Kif imsemmi qabel ukoll, dejjem ara li titkellem ma’ persuna awtorizzata biex tinstalla apparat tal-gass għal aktar għajnuna.

Punt ieħor finali li għandek tikkunsidra b’mod ġenerali meta tixtri l-apparat tal-gass huwa li dan ikolli l-marka CE fuqu!

…issa lest biex tgawdi darek!

Issa li għażilt l-aqwa u l-aktar apparat sikur għad-dar tiegħek, il-pass li jmiss huwa li tara li l-installazzjoni ssir b’mod professjonali. Infatti ċertu apparat għandu bżonn ikun installat minn persuna kkwalifikata. Biex issir taf jekk l-apparat għandux bżonn persuna professjonali biex tinstallah, saqsi lil xi venditur uffiċjali ta’ apparat tal-gass. Lista sħiħa ta’ persuni kwalifikati tista’ tistab hawn.

Biex issir taf aktar dwar kif għandek tieħu ħsieb l-apparat tal-gass tiegħek segwi l-blogg tagħna.

Share